Difference between revisions of "Mit-Tarza Għall-West End"

From M3P
Jump to: navigation, search
(Created page with "'''Mit-Tarza Għall-West End''' kienet sensiela ta' artikoli miktuba minn Laurie Bellizi dwar il-kumpanija teatrali Maltija Stage Commandos. Dawn l-artikoli dehru fil-...")
(No difference)

Revision as of 12:31, 11 August 2019

Mit-Tarza Għall-West End kienet sensiela ta' artikoli miktuba minn Laurie Bellizi dwar il-kumpanija teatrali Maltija Stage Commandos. Dawn l-artikoli dehru fil-gazzetta Il-Ħelsien bejn Lulju u Novembru tal-1963, fuq paġna 7, bħala parti mill-Paġna Mużikali regolari ta' Spiro Camilleri.

Hawn taħt jidher dak li kiteb Bellizzi kif deher fil-gazzetta f'20 ġimgħa, b'indikazzjoni tad-data tal-pubblikazzjoni oriġinali. Il-kliem inkiseb minn kopji tal-gazzetta miżmuma fiċ-Charles Clews Memorial Collection permezz ta' Tesseract OCR fuq Google Drive. Ċertu kliem mhux transkritt preċiż, imma l-istilistika ta' Bellizzi u l-gazzetta oriġinali inżammu kemm jista' jkun.


Il-Ħelsien, Il-Ħamis 11 ta’ Lulju 1963. p.7

Kienet is-sena 1942, il-gwerra kienet fit-tielet sena tagħha, filwaqt li jien kont fil-ħames sena tal-apprenticeship tiegħi.

Kif kulħadd jaf, l-iżjed parti ta’ Malta li sofriet mill-attakki tal-ajru tat-taljani u tal-ġermaniżi kienet dik il-parti madwar il-Port il-Kbir, inkuża, sintendi, it-tarzna.

Dak iż-żmien, aħna l-ħaddiema tat-tarzna iżjed konna naħdmu fil-beraħ milli taħt is-saqaf, għar-raġuni li ma kienx għad-fadal ħanut tax-xogħol lil seta' jiftaħar li s-saqaf tiegħu għadu sħiħ, u l-uniċi ħwienet tax-xogħol li kellhom saqaf sod u li jirreżistu l-bombi tal-għadu kienu dawk il-ftit li kienu tlestew taħt il-blat, u li kienu jservu wkoll ta' air-raid shelters għalina.

Dan kien l-ambjent ta' dak iż-żmien, u f'dan l-ambjent kellha tinħoloq waħda mill-aktar kumpaniji popolari fl-istorja tal-palk malti — li Stage Commandos.

Bħal ma diga' għedtilkom, kont engine-fitter apprentice u f'nofs-in-nhar, wara li nkunu ġa kilna, meta sintendi kien ikollna xi ħaġa sew x’nieklu bin-nofs kwart ħobż razzjon biex iservi għal ġurnata sħiħa u b'xi biċċa ġobon, konna nqattghu is-siegħa tal-mistrieħ billi noqogħdu niddiskutu l-aħħar żviluppi tal-gwerra.

Darba fost l-oħrajn wieħed minn sħabna l-apprentisti, fettillu jġib miegħu orgni tal-ħalq, dan kien jaf idoqqu mhux ħażin, u billi jien kelli daqsxejn tal-fama li naf inkanta ġejt mitlub biex inkanta xi waħda. Tal-'mouth organ' beda jdoqq il-kanzunetta “Mexicali Rose" u din li dak iż-żmien kienet waħda mill-favoriti tiegħi, ma nqastx li ma nagħtix interpretazzjoni tajba, għas-sodisfazzjon mhux biss ta' sħabi, imma ta' xi ħaddiema li ħarġu mill-irkejjen tal-mistrieħ tagħhom biex jaraw min hu dan li qiegħed jipprova jikser il-melankonija ta' dawk iż-żminijiet koroħ tal-gwerra.

Malli spiċċajt, mhux talli taw l-applawsi, imma riedu l bis:- Jiena kelli nerga' nobbligahom għat-tieni darba b'din l-imbierka "Mexicali Rose".

BDIET IT-TRIQ

Kellha tkun din is-song li bdiet it-triq tal-ħolqien ta' l-“Stage Commandos” għax inkuraġġiet lill-ħbieb tiegħi, Nestu Laiviera, Charlie Rowe, Freddie Underwood u Charlie Clews biex nikombinaw it-talent tagħna u naraw jirnexxielniex nippreżentaw b'suċċess programm mill-ħaddieina għall-ħaddiema waqt il-’break’ tal-mistrieħ.

Għadni niftakar, qisu l-bieraħ, taħt is-saqaf imtajjar tal-factory M.E.D., sejrin biex nippruvaw nallegraw u ndaħku lil sħabna l-ħaddiema, meta dawn kienu kważi insew kif għandhom jidħku.

Konna għażilna l-ġurnata tal-Ġimgħa, għax din kienet l-aktar waħda favorevoli għalina, biex jinkiseb suċċess, billi nhar ta’ Ġimgħa kulħadd jieħu l-paga għalhekk forsi jkollhom il-ftit aptit li jippruvaw jidħku.

Bla separju! bla dressing room! bla palk! Bil-kostumi tagħna bħal ta' l-udjenza – il-boilersuit – li kienet aktar sewda milli bajda u aktar imqatta' milli le, bil-make-up xi minn daqqiet kien jifforma ruħu wahdu waqt l-ħinijiet tax-xogħol. Għalhekk tistgħu taħsbu xi żvantaġġi kellna kontra tagħna biex l-iskop tagħna jirnexxi.

IL-ĦIN WASAL

Il-ħin biex nibdew wasal, u | l-udjenza li ma kellhiex bżonn toqghod tfittex is-siġġu taghha, bdiet issib fejn se toqgħod.

Min intefa' bil-qegħeda fl-art, min ġieb il-kaxxa tal-għodda u poġġa bil-qegħda fuqha, u min tela' bil-wieqfa fuq il-bank tax-xogħol ħalli żgur ma jitlef xejn.

U aħna l-artisti!! fuq palk provizorju, għoljin xi erba' pulzieri mill-art, fuq is-sodda soda tal-konkrit ta' wieħed mill akbar tornijiet li kien għadu ma ntlaqatx mill-bombi tal-għadu.

Niftakar li x-show infetaħ bija fejn kantajt “Beer Barrel Polka”. Wara Charlie Clews kellu suċċess kbir bil-famużi "Preverbji” tiegħu. U mbagħad instema' djalogu komiku minn Nestu Laiviera ma' Freddie Underwood, u għalaq il-programm Charlie Rowe b'poeżija umoristika. B'hekk il-ħolqien ta' li “Stage Commandos” beda biex jieħu l-forma.

APPLAWSI KBAR

Kull numru li ippreżentajna ġie milqugħ b'applawsi kbar u l-ħaddiema ħadu pjacir bil-preżentazzjoni. Kien verament sodisfazzjon kbir għalina dak in-nhar li għal ftit mumenti tara lill-ħaddiema sħabna jinsew li konna fi gwerra, u tarahom ibiddlu wiċchom imdejjaq f'wiċċ daħkan.

F'kelma waħda, bl-iżvantaġġi kollha rreġistrajna l-ewwel suċċess, tant li sħabna l-ħaddiema nkuraġġewna għal aktar shows! U f'qasir żmien, kull nhar ta' Ġimgħa bdejna nippreżentaw ix-show tagħna, dejjem b'materjal ġdid, miktub minn Nestu Laiviera, Freddie Underwood u Charlie Clews.

Konna ssaħħaħna mhux ftit bil-partiċipazzjoni ta' Johnnie Catania li bit-"Tupp, intaptap x’vizzju għandi" kien għamel suċċess kbir, u mill-ewwel deher li Johnnie se jkun wieħed minn li stars tal-palk malti.

Daħal ukoll magħna Willie Burlo li bil-vuċi simpatika tiegħu tant kien jagħti pjaċir bis-songs li jkanta, u oħrajn li minn xi daqqiet bdew jitħajru u jippreżentaw xi ħaġa.

AKTAR ĦADU SURA

L-udjenza, ukoll, kull ma tmur bdiet tikber, il-programmi aktar bdew jieħdu sura u jiġu organizzati aħjar, bil-konsegwenza li l-fama tagħna l-artisti tat-tarzna bdiet tinfirex. Bis-sincerita' kollha, għal kemm ilu li għadda dak iż żmien, jien inħoss u naħseb li sħabi jħossu bħali, li dawk ix-shows li aħna konna nippreżentaw f'dawk iż-żminijiet kienu l-iżjed għeżież għalina, għax kien irnexxielna nżommu għoli l-moral ta' sħabna, irnexxielna ndaħħkuhom fi żminijiet ta' biki, u dak li konna nagħmlu konna nagħmluh minn qalbna, mingħajr interessi ta' xejn, ħlief li naraw għal ftit ħin ta' kull nhar ta' Ġimgha lil sħabna ferħanin.

Kienu żminijiet differenti! Pero' kienu dawk iż-żminijiet li għenu biex tkun tista' tinħoloq il-kumpanija Stage Commandos, li fl-istorja tal-palk malti għandha record kbir u li żgur ma tintesa' qatt għall mod li dawn l-artisti tat-tarzna għamlu ġieh lil art twelidihom fl-arti teatrali.